X'inhu l-Unicode?
L-Unicode jipprovdi numru wieħed għal kull
karattru,
għal kull magna,
għal kull programm,
għal kull lingwa.
Fundamentalment, il-kompjuters jagħrfu biss numri. Huma kapaċi
jaħżnu l-ittri u karattri oħra billi jagħtu numru għal kull ittra.
Qabel ma l-Unicode kien ivvintat, kien hemm mijiet ta' sistemi
differenti li jgħaqqdu n-numri mal-karattri. Ebda sistema ma kienet
kapaċi tieħu biżżejjed karattri: per eżempju, tant hemm lingwi
fil-pajjiżi ta' l-Unjoni Ewropeja li sistema waħda m'hix biżżejjed
biex tkopri l-lingwi kollha. Anki għal lingwa waħda bħall-Ingliż
ebda sistema ma kienet tlaħħaq ma' l-ittri, punteġġatura, u simboli
tekniċi komuni.
Dawn is-sistemi ma kienux jaqblu ma' xulxin peress li l-istess
numru jista' jintuża għal żewġ karattri differenti minn żewġ sistemi
differenti, jew l-istess karattru seta' jkollu numri differenti
f'sistemi differenti. Kull kompjuter (speċjalment is-servers)
jeħtieġ li jissaportja ħafna tipi differenti ta' sistemi ta'
rappreżentazzjoni tal-karattri; iżda kull meta l-informazzjoni tiġi
kkupjata minn sistema għal oħra, dejjem ikun hemm riskju kbir li din
l-informazzjoni tinbidel aċċidentalment.
L-Unicode qed ibiddel dan kollu!
L-Unicode jipprovdi numru wieħed għal kull karattru, għal kull
tip ta' kompjuter, programm jew lingwa. L-istandard ta' l-Unicode
qed ikun adottat minn kumpaniji b'saħħithom bħal Apple, HP, IBM,
JustSystem, Microsoft, Oracle, SAP, Sun, Sylax, Unisys u ħafna
oħrajn. L-Unicode huwa meħtieġ minn standards moderni bħal XMS,
Java, ECMAScript (Java Script), LDAP, CORBA 3.0, WML, etc., u huwa
l-mod uffiċjali ta' kif timplimenta l-ISO/IEC10646. L-Unicode huwa
issapportjat f’ħafna operating systems, browsers moderni u ħafna
prodotti oħrajn. Il-miġja ta' l-istandard ta' l-Unicode, u aċċess
faċli għal programmi li jissaportjawh, huma wħud mill-iktar xejriet
globali importanti u reċenti fil-qasam tas-softwer.
L-Unicode iwassal għal roħs fl-iżvilupp ta' sistemi client-server
jew programmi multi-tiered u ta' siti tal-Internet meta jitqabbel
ma' l-użu ta' sistemi ta' rappreżentazzjoni tal-karattri antiki.
L-Unicode jippermetti li prodotti ta' softwer jew websites jkunu
jahdmu kif suppost fuq magni ta' tipi differenti, u b'lingwi u
f'pajjiżi differenti mingħajr ebda modifiki. L-informazzjoni tkun
tista' tintuża minn sistemi differenti mingħajr ebda tibdil u bla
tbatija ta' xejn.
Il-Konsorzju ta' l-Unicode
Il-Konsorzju ta' l-Unicode huwa organizzazzjoni li taħdem bla
profitti li twaqqfet bil-għan li tibni, ssaħħaħ u tmexxi 'l
quddiem l-użu ta' l-istandard ta' l-Unicode li jispeċifika kif
il-karattri għandhom ikunu rappreżentati fi prodotti ta' softwer u
standards moderni. Il-membri tal-konsorzju jirrappreżentaw firxa
wiesgħa ta' korporazzjonijiet u organizzazzjonijiet fl-industrija
tal-kompjuters u ta' l-informatika. Il-konsorzju huwa ffinanzjat
totalment mill-miżati tal-membri. Is-sħubija fil-Konsorzju ta'
l-Unicode hija miftuħ għall-organizzazzjonijiet u individwi kollha
madwar id-dinja li jixtiequ jappoġġjaw l-istandard ta' l-Unicode u
jgħinu fit-tkabbir u l-implimentazzjoni tiegħu.
Maltese translation by Angelo Dalli and John Axiak